You are here
shutterstock_102697079.jpg

Punti pożittivi / negattivi tal-għodod

Il-progress fit-teknoloġiji tal-informazzjoni u l-użu tal-Internet qed iwasslu għall-iżvilupp ta’ firxa ta’ għodod interattivi li jgħinu fil-evalwazzjoni tar-riskji fuq il-post tax-xogħol. Minħabba d-diffikultajiet li jaffaċċjaw l-intrapriżi mikro u żgħar (MSEs) fil-prevenzjoni tar-riskji fuq il-post tax-xogħol, l-EU-OSHA ffukat fuq l-opportunitajiet li joffru dawn it-teknoloġiji l-ġodda biex tgħin lill-MSEs kollha fl-isforzi tagħhom biex jipprevjenu r-riskji.

Il-motivaturi u l-ostakli ewlenin tal-OiRA (jew ta’ kwalunkwe għodda interattiva ta’ evalwazzjoni tar-riskju) huma eżaminati hawn taħt.

Il-motivaturi tal-OiRA

  • Ġenerazzjoni ġdida ta’ għodod ta’ evalwazzjoni tar-riskju: aċċess faċli, faċli biex tużahom, bla ħlas għall-utenti finali

Din hija importanti għal kwalunkwe proġett jew skema li għandu/ha fil-mira l-MSEs biex jiġu adattati għall-bżonnijiet tagħhom — la kompetittivi wisq u lanqas għaljin (u preferibbilment mingħajr ħlas). Fuq bażi kontinwa, qed isiru sforzi biex jiġi ffaċilitat l-aċċess għal għodod tal-OiRA speċifiċi għas-settur, biex jiġi żgurat li dawn ikunu faċli għall-utent u jinżammu sempliċi. L-għan huwa li l-MSEs li qatt ma vvalutaw ir-riskji jew qatt m’għamlu dan b’mod sistematiku u strutturat, jingħataw l-opportunità biex jieħdu l-ewwel passi f’dan ir-rigward. Aċċess faċli, faċli biex tużahom u mingħajr ħlas huma prekundizzjonijiet għas-suċċess tal-għodod tal-OiRA.

  • Tixrid iffaċilitat permezz tal-Internet

L-OiRA tista’ tixxerred għal għadd kbir ta’ kumpaniji mingħajr ma jkollha bżonn timmaniġġja l-ispejjeż u r-restrizzjonijiet assoċjati mal-istampar u mal-fatt li jkollha tibgħat dokumenti bbażati fuq il-karta.

  • Kontenut evoluzzjonarju

L-OiRA tista’ tiġi emendata faċilment u immedjatament biex tirrifletti l-bidliet fil-leġiżlazzjoni jew l-iżvilupp ta’ eżempji ġodda ta’ prattika tajba, proċessi ġodda u l-bqija, filwaqt li tiżgura li l-għodod ikunu dejjem aġġornati.

Il-kontenut tal-għodod jista’ jiġi adattat ukoll għal utenti finali differenti. L-iżviluppaturi ta’ għodda tal-OiRA jistgħu jiddeċiedu li, għall-ewwel, jikkonċentraw fuq l-akbar riskji f’settur, filwaqt li maż-żmien iżidu moduli ġodda u informazzjoni ġdida. Permezz ta’ aġġornamenti regolari, matul is-snin, il-kontenut tal-għodda jista’ jsir aktar eżawrjenti.

  • Dimensjoni didattika

Navigazzjoni intuwittiva, kontenut edukattiv, l-abbiltà li taħdem bil-pass tiegħek u tinterrompi xogħlok grazzi għas-sistemi ta’ riżerva — dawn il-funzjonijiet tal-OiRA jippermettu lill-utenti jiġu ggwidati pass, pass matul xogħolhom.

L-OiRA tipproponi approċċ fuq diversi passi li jibda mill-identifikazzjoni tal-periklu għal evalwazzjoni tar-riskju ddokumentata. L-utenti finali, li jista’ jkun li qatt ma wettqu evalwazzjoni tar-riskju qabel, jiġu ggwidati matul il-proċess u jitmexxew mill-ewwel pass (l-identifikazzjoni tar-riskju) sal-aħħar wieħed (it-tfassil ta’ pjan ta’ azzjoni / il-ħolqien ta’ evalwazzjoni tar-riskju ddokumentata).

L-OiRA tista’ tintuża wkoll biex:

    • iżżid l-għarfien u l-informazzjoni (eż. billi turi r-riskji speċifiċi f’settur jew turi kif titwettaq evalwazzjoni tar-riskju)

    • twettaq taħriġ, speċjalment taħriġ vokazzjonali; il-professjonisti futuri (parrukkiera, xufiera tat-trakkijiet, furnara, eċċ.) jistgħu jintwerew ir-riskji ewlenin fis-settur tagħhom u kif iwettqu evalwazzjoni tar-riskju billi jaċċessaw l-għodda rilevanti u jinnavigaw fil-moduli u l-passi differenti.

L-għodod tal-OiRA jħeġġu u jagħtu s-setgħa lill-SMEs biex jiġġestixxu s-sigurtà u s-saħħa fuq il-post tax-xogħol (OHS) internament jew b’mod aktar awtonomu. Huma jagħmluha wkoll ċara li meta ma jkunx hemm biżżejjed kapaċità internament biex jiġi indirizzat riskju speċifiku jew biex tiġi indirizzata kwistjoni OHS kif xieraq, jeħtieġ li jkun hemm konsultazzjoni ma’ professjonist tal-OHS.

  • Pjattaforma għall-aċċess għal sorsi oħra ta’ informazzjoni

L-għodod tal-OiRA huma wkoll pjattaforma li tipprovdi lill-utenti finali b’aċċess faċli, permezz ta’ links, vidjos u ritratti, għal firxa sħiħa ta’ informazzjoni u ta’ dokumenti, inkluż:

    • leġiżlazzjoni

    • gwida

    • każijiet ta’ prattika tajba

    • skedi informattivi, fuljetti u rapporti

  • Il-possibbiltà tal-monitoraġġ tal-użu ta’ għodod bħal dawn

Il-fatt li dawn l-għodod huma pprovduti online jippermetti li l-użu tagħhom jiġi mmonitorjat b’mod statistiku. Għal raġunijiet ta’ protezzjoni tad-data u bħala riżultat tad-deċiżjonijiet meħuda mill-partijiet ikkonċernati tal-OiRA, ma tiġix iġġenerata statistika dwar il-kontenut tal-għodod (l-informazzjoni mogħtija mill-utenti finali). L-istatistika tal-OiRA tiffoka fuq kwistjonijiet aktar ġenerali, pereżempju in-numru ta’ kontijiet tal-OiRA li jinħolqu, in-numru ta’ evalwazzjonijiet tar-riskju li jitwettqu u n-numru ta’ pjanijiet ta’ azzjoni li jsiru. Din l-informazzjoni miġbura mill-utenti finali tagħti lok biex matul is-snin, jitjiebu l-għodod tal-OiRA (f’termini ta’ użu, sempliċità, eċċ.) u biex tinħoloq il-possibbiltà li jiġi vvalutat jekk l-għodod humiex jintużaw jew le u jekk dawn humiex jilħqu l-utenti fil-mira — l-SMEs jew le.

L-ostakli tal-OiRA

  • Nuqqas ta’ sensibilizzazzjoni dwar l-OHS (RA) fost intrapriżi mikro u żgħar

Ir-raġunijiet ewlenin li jagħtu l-organizzazzjonijiet li ma jwettqux evalwazzjonijiet tar-riskju regolari għaliex ma jagħmlux dan huma li diġà jafu r-riskji u l-perikli (83 % tal-istabbilimenti) u li m’hemm ebda problema kbira (80 %) (skont ESENER-2, it-Tieni Stħarriġ Ewropew tal-Intrapriżi dwar ir-Riskji Ġodda u Emerġenti). Dawn ir-riżultati jirrappreżentaw 24 % biss tal-postijiet tax-xogħol mistħarrġa, iżda jqajmu l-mistoqsija dwar jekk dawn l-istabbilimenti, b’mod partikolari l-iżgħar minnhom, attwalment għandhomx inqas problemi jew jekk dawn sempliċiment ma jafux daqs l-oħrajn dwar ir-riskji fuq il-post tax-xogħol.

  • Il-prevenzjoni tar-riskju mhuwiex l-għan jew it-tħassib ewlieni ta’ intrapriżi mikro u żgħar

Minħabba r-riżorsi limitati għad-dispożizzjoni tal-MSEs, u t-tħassib tas-sidien dwar is-sopravivenza ekonomika tan-negozji tagħhom, l-MSEs ma tantx jafu bl-OHS u din mhijiex prijorità għal ħafna MSEs. L-ostakli għal ġestjoni ta’ OHS tajba jinkludu:

    • il-pożizzjoni ekonomika dgħajfa ta’ ħafna MSEs u l-livelli baxxi ta’ investiment li jistgħu jagħmlu fl-intrastruttura tal-OHS

    • l-għarfien, is-sensibilizzazzjoni u l-kompetenza limitati tal-maniġers-sidien tal-MSEs fir-rigward kemm tal-OHS kif ukoll tar-rekwiżiti regolatorji relatati

    • il-kapaċità limitata ta’ ħafna MSEs biex jiġġestixxu l-affarijiet tagħhom b’mod sistematiku (b’mod ġenerali)

    • id-diffikultà li jintlaħqu l-MSEs (l-ewwel pass) u li jiġu kkonvinti u jitħeġġu biex jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiġġestixxu l-OHS b’mod aktar sistematiku u strutturat (it-tieni pass).