You are here

Mistoqsijiet Frekwenti tal-OiRA

Qabel tressaq mistoqsija, agħmel ċert li tagħti ħarsa lejn il-Mistoqsijiet Frekwenti ta’ hawn taħt. Forsi din diġà ngħatat tweġiba għaliha.

1. X’inhi OiRA?

L-OiRA (evalwazzjoni tar-Riskju Interattiva Online), li ġiet żviluppata mill-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol (EU-OSHA), hija applikazzjoni tal-web li tintuża faċilment u mingħajr ħlas li tista’ tgħin lil organizzazjonijiet mikro u żgħar biex idaħħlu fis-seħħ proċess ta’ evalwazzjoni tar-riskju pass b’pass — mill-identifikazzjoni u l-evalwazzjoni tar-riskji fuq il-post tax-xogħol, sat-teħid tad-deċiżjonijiet dwar azzjonijiet preventivi u l-implimentazzjoni ta’ dawk l-azzjonijiet, sal-monitoraġġ u r-rappurtar.

2. Għaliex ġiet stabbilita l-OiRA?

Teżisti biżżejjed evidenza biex jiġi konkluż li b’mod ġenerali, l-intrapriżi mikro u żgħar (l-MSEs) għandhom xi nuqqasijiet fir-rigward tal-evalwazzjoni tar-riskju u l-adozzjoni ta’ politika preventiva. L-OiRA għandha l-għan li tegħleb dan u li tikkontribwixxi għal titjib tas-sigurtà u s-saħħa fuq il-post tax-xogħol (l-OHS) fl-SMEs.

3. X’inhi evalwazzjoni tar-riskju?

Il-evalwazzjoni tar-riskju hija eżaminazzjoni sistematika tal-aspetti kollha tax-xogħol li tikkunsidra:

  • x'jista' jikkawża korriment jew ħsara
  • jekk il-perikli jistgħux jiġu eliminati u jekk le,
  • liema miżuri preventivi jew protettivi jenħtieġ li jiġu stabbiliti biex jikkontrollaw ir-riskji.
4. Għaliex mhux it-taqsimiet tas-sit kollha huma disponibbli bil-lingwi kollha tal-UE?

It-taqsimiet aktar stabbli ta’ dan is-sit biss ġew tradotti fil-lingwi kollha tal-UE, iżda dawk li jiġu aġġornati kontinwament huma disponibbli bl-Ingliż biss. Dan sar f’tentattiv li jiġu rrazzjonalizzati r-riżorsi tal-EU-OSHA.

5. X’inhi l-komunità tal-OiRA?

Il-komunità tal-OiRA hija magħmula minn organizzazzjonijiet u persuni li jiżviluppaw l-għodod tal-OiRA. Din għandha l-għan li tiffaċilita l-iżvilupp tal-OiRA billi tistimula l-iskambju ta’ għodod, ta’ għarfien u ta’ prattiki tajbin, tippromwovi ħidma kollaborattiva, issaħħaħ r-relazzjonijiet eżistenti fil-komunità u toħloq oħrajn ġodda.

6. Huwa possibbli li nagħmel link għas-sit web tal-OiRA?

Iva. L-EU-OSHA tippermetti (u tilqa’) links għall-paġni web kollha (għodod tal-OiRA, materjal promozzjonali tal-OiRA, ...) tas-sit web tal-OiRA.

7. Min jista’ jsir sieħeb tal-OiRA u membru tal-komunità tal-OiRA?

Sħab soċjali settorjali (organizzazzjonijiet tal-impjegaturi u tal-impjegati) fil-livell tal-UE u dak nazzjonali u awtoritajiet tal-UE u dawk nazzjonali (ministeri, spettorati tax-xogħol, istituti tal-OHS, eċċ.).

8. Teżisti politika ta’ privatezza tal-OiRA?

L-EU-OSHA poġġiet l-Għodda tal-OiRA għad-dispożizzjoni tal-utenti. Peress li l-EU-OSHA hija korp tal-UE, ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 japplika direttament, filwaqt li jiggarantixxi li d-data tiġi pproċessata b’mod ġust u legali, għal skopijiet limitati u espliċiti biss, u li tinħażen b’mod sigur.

It-tipi ta’ data personali li ġejjin jinħażnu fl-għodda:

  • indirizz tal-email ta’ kuntatt
  • ismijiet ta’ persuni responsabbli mill-miżuri ddikjarati fil-pjan ta’ azzjoni (l-għoti ta’ dawn l-ismijiet mhuwiex obbligatorju)
  • ismijiet oħra li jistgħu jiddaħħlu f’kaxex ta’ test ħieles

L-EU-OSHA tieħu l-miżuri li ġejjin biex tipproteġi d-data personali:

  • id-data personali hija inaċċessibbli għal utenti esterni
  • miżuri ta’ sigurtà għall-protezzjoni kontra aċċess mhux awtorizzat
  • kriptaġġ xieraq ta’ komunikazzjoni

It-test sħiħ tal-politika ta’ privatezza tal-OiRA jista’ jiġi aċċessat minn hawn.

9. Il-komunità tal-OiRA kif tikkondividi u tadatta x-xogħol tagħha?

It-tqassim isir permezz ta’ liċenziji tal-Creative Commons.

Din it-tip ta’ liċenzja toffri lill-utenti l-opportunità li jikkondividu u jadattaw ix-xogħol skont numru ta’ kundizzjonijiet speċifiċi, inkluż li x-xogħol ma jkunx kummerċjali u li jiġi attribwit b’mod korrett.

Għal aktar informazzjoni, żur http://creativecommons.org/ u http://creativecommons.org/licenses/by-nc-sa/3.0/.

10. X’tip ta’ softwer huwa l-OiRA?

L-OiRA hija softwer b’sors miftuħ. Softwer b’xejn u b’sors miftuħ jiġi lliċenzjat liberament biex, permezz tad-disponibbiltà tal-kodiċi tas-sors tiegħu, l-utenti jingħataw id-dritt li jużaw, jistudjaw, ibiddlu u jtejbu d-disinn tiegħu.

L-OiRA hija mibnija fuq is-sistema tal-ġestjoni tal-kontenut tal-Intrapriża “Plone”(1), u żżomm il-loġika tan-negozju tagħha fil-pakketti add-on “Euphorie”(2) u “osha.oira” (3). Il-front-end juża l-aħħar teknoloġija HTML5 u jipprovdi interazzjonijiet vasti permezz tal-librerija Patternslib(4).


(1) https://plone.org/
(2) https://github.com/EU-OSHA/euphorie
(3) https://github.com/EU-OSHA/osha.oira
(4) http://patternslib.com/

11. X’jipprovdu l-għodod tal-OiRA?

L-għodod tal-OiRA jipprovdu:

  • Dokument li jirreġistra r-riżultati tal-evalwazzjoni tar-riskju li jista’ jitniżżel, jiġi editjat jew jiġi stampat. Dan ir-reġistru jista’ jintuża bħala bażi biex l-informazzjoni tingħadda lill-persuni kkonċernati; għall-monitoraġġ sabiex jiġi vvalutat jekk ġewx introdotti l-miżuri neċessarji jew le; biex tiġi prodotta evidenza għall-awtoritajiet superviżorji; u għal kwalunkwe reviżjoni f’każ li jinbidlu ċ-ċirkostanzi.
  • Pjan ta’ azzjoni (li jista’ jitniżżel, jiġi editjat u jiġi stampat ukoll) li jiffoka fuq il-miżuri preventivi li għandhom jiġu implimentati, min jagħmel xiex u sa meta, eċċ.
  • Ħarsa ġenerali lejn ir-riskji kollha. Dan ir-reġistru jista’ jintuża bħala bażi biex l-informazzjoni tingħadda lill-persuni kkonċernati u biex jiġi mmonitorjat jekk ir-riskji identifikati u l-miżuri li għandhom jittieħdu humiex ittrattati kif xieraq jew le.
  • Ħarsa ġenerali lejn il-miżuri preventivi u protettivi li għandhom jiġu implimentati. Dan ir-reġistru jista’ jintuża bħala bażi biex l-informazzjoni tingħadda lill-persuni kkonċernati u biex jiġu mmonitorjati l-miżuri li għandhom jiġu implimentati fit-tliet xhur li ġejjin.
12. X’inhu meħtieġ biex nirreġistra f’għodda tal-OiRA?

Irid jingħata indirizz tal-email validu u password valida. Hekk kif utent jirreġistra, jista’ juża l-għodda (m’hemmx għalfejn jistenna email ta’ konferma).

L-illoggjar jirrikjedi indirizz tal-email u password, u l-utent jittieħed awtomatikament għall-kont irreġistrat tiegħu.

Il-evalwazzjoni u d-dettalji tal-illoggjar huma privati u mhumiex viżibbli għal persuni oħrajn (ara l-politika ta’ privatezza tal-OiRA).

13. X’jinvolvi meta nagħmel sessjoni ta’ ttestjar f’għodda tal-OiRA?

Utent jista’ jibda juża l-għodda mingħajr ma jkollu jirreġistra, billi jibda sessjoni ta’ ttestjar. Imbagħad, jekk l-għodda tissodisfa l-bżonnijiet u l-aspettattivi tiegħu, l-utent jista’ jirreġistra billi jipprovdi indirizz tal-email u password. L-utenti mistiedna ma jistgħux jissejvjaw il-progress tagħhom jew iniżżlu rapporti.

14. X’jiġri jekk utent jinsa l-password tiegħu?

L-utent jista’ jitlob tfakkira tal-password, li meta jiddaħħal indirizz tal-email validu, din se tibgħat id-dettalji tal-illoggjar.

15. Huwa possibbli li nibdel il-password u/jew l-indirizz tal-email ta’ kont?

Ladarba jkunu lloggjati, l-utenti jistgħu jikklikkjaw fuq it-trijanglu ż-żgħir fin-naħa ta’ fuq tal-lemin tal-paġna web (ħdejn l-indirizz elettroniku tagħhom) u jsegwu l-link biex jaġġornaw il-password u/jew l-indirizz tal-email tagħhom.

16. Il-evalwazzjoni tar-riskju għandha għalfejn titwettaq f’sessjoni waħda jew tista’ tiġi ssejvjata biex nerġa’ nkompliha fi stadju aktar tard?

Ladarba tibda s-sessjoni tal-għodod tal-OiRA, l-utent ikun jista’ jieqaf qabel it-tmiem. Huma jistgħu jibdew is-sessjoni mill-ġdid f'data aktar tard billi jagħżlu t-titlu tas-sessjoni tal-għodod tal-OiRA. Kull darba li tintgħażel l-opzjoni “kompli”, tinħażen l-informazzjoni mogħtija.

17. Huwa possibbli li niftaħ għodda tal-OiRA oħra jew li nwettaq evalwazzjoni oħra bl-istess għodda (filwaqt li nuża l-istess kont)?

Ladarba l-utenti jkunu lloggjati, meta jikklikkjaw fuq it-trijanglu ż-żgħir fin-naħa ta’ fuq tal-lemin (ħdejn l-isem tal-għodda tal-OiRA li qed jużaw), se jingħataw aċċess għas-sessjonijiet u l-evalwazzjonijiet tar-riskju preċedenti, u l-utenti jistgħu jagħżlu l-għażla “ibda sessjoni ġdida”. Tista’ tissejvja aktar minn sessjoni waħda, diment li jkunu ngħataw titli differenti, billi tuża l-istess għodda u l-istess kont. Huwa importanti li l-utenti jieħdu nota tal-indirizz tal-email, tal-password u tat-titlu li jagħtu lil kull sessjoni ta’ għodda tal-OiRA.

18. X’jiġri jekk utent jesperjenza problemi biex jara l-OiRA fuq PC, tablet jew mowbajl?

Huwa importanti li tiżgura li tkun qed tuża l-aħħar verżjoni tal-brawżer tal-web. Biex tara l-aħjar, huma rrakkomandati l-brawżers tal-web li ġejjin: Windows Internet Explorer (IE 11), Google Chrome, Firefox u Safari.