You are here
OSH_006234.jpg

L-evalwazzjoni tar-riskju — rwoli u responsabbiltajiet

Is-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema hija mħarsa fl-Ewropa permezz ta’ approċċ ibbażat fuq l-evalwazzjoni u l-immaniġġjar tar-riskju. Sabiex iwettqu evalwazzjoni tar-riskju effettiva fuq il-post tax-xogħol, dawk kollha involuti jeħtieġu għarfien ċar tal-kuntest legali, il-kunċetti, il-proċess ta’ l-evalwazzjoni tar-riskji u r-rwol li għandu jintlagħab mill-atturi ewlenin involuti fil-proċess

Ir-rwoli u r-responsabbiltajiet tal-ħaddiema

Huwa importanti li l-ħaddiema jipparteċipaw fl-evalwazzjoni tar-riskju. Huma jafu l-problemi u d-dettalji ta' x'jiġri verament meta jwettqu d-doveri jew l-attivitajiet tagħhom, u għalhekk għandhom ikunu involuti fl-evalwazzjoni. Ħafna drabi, l-għarfien prattiku jew il-kompetenza tagħhom huma wkoll bżonnjużi biex jiġu żviluppati miżuri preventivi.

Il-parteċipazzjoni tal-ħaddiema m'hix biss dritt, hija fundamentali sabiex il-ġestjoni tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol minn dawk li jħaddmu tkun effettiva u effiċjenti.

Il-ħaddiema u/jew ir-rappreżentanti tagħhom għandhom id-dritt/dover li:

  • ikunu kkonsultati dwar l-arranġamenti għall-organizzazzjoni ta' l-evalwazzjoni tar-riskju u għall-ħatra ta' dawk li ser jaċċettaw il-kompitu.

  • jipparteċipaw fl-evalwazzjoni tar-riskju

  • jiġbdu l-attenzjoni tal-kontrolluri tagħhom jew ta' min iħaddimhom rigward riskji li qed jaraw

  • jirrappurtaw kull tibdil fil-post tax-xogħol

  • ikunu infurmati bir-riskji għas-saħħa u s-sigurtà tagħhom u bil-miżuri neċessarji sabiex dawn ir-riskji jiġu eliminati jew imnaqqsa

  • ikunu involuti fil-proċess ta' deċiżjoni dwar il-miżuri preventivi u protettivi li jridu jiġu stabbiliti

  • jitolbu lil min iħaddimhom sabiex jistabbilixxi miżuri xierqa u jissottomettu proposti li jnaqqsu l-perikli jew li jeliminaw il-periklu mis-sors

  • jikkooperaw sabiex jgħinu lil min iħaddem biex jassigura li l-ambjent tax-xogħol huwa sigur

  • ikunu mħarrġa/jirċievu istruzzjonijiet dwar il-miżuri li se jiġu stabbiliti

  • sa fejn ikun possibbli jieħdu ħsieb tas-saħħa u s-sigurtà tagħhom u ta' persuni oħra affettwati mill-azzjonijiet tagħhom skond it-taħriġ u l-istruzzjonijiet mogħtija minn min iħaddem

Barra dan, huwa importanti li r-rappreżentanti tal-ħaddiema jkunu mħarrġa sabiex jifhmu l-evalwazzjoni tar-riskju u r-rwol tagħhom fiha.

Ir-rwoli u r-responsabbiltajiet ta' min iħaddem

Dawk li jħaddmu għandhom jippreparaw bir-reqqa dak li se jagħmlu sabiex iwettqu r-responsabbiltajiet tagħhom li jagħmlu evalwazzjoni tar-riskju, u jistabbilixxu l-miżuri neċessarji għas-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema. Huwa rakkomandat li jagħmlu dan permezz ta' pjan ta' azzjoni għall-eliminazzjoni jew il-kontroll tar-riskji.

Il-pjan ta' azzjoni għandu jinkludi:

  • l-ikkummissjonar, l-organizzazzjoni u l-koordinazzjoni ta' l-evalwazzjoni

  • il-ħatra ta' persuni kompetenti sabiex jagħmlu l-evalwazzjonijiet

    • il-persuna li tagħmel l-evalwazzjoni tar-riskju tista' tkun:

      • dawk li jħaddmu stess

      • impjegati nominati minn dawk li jħaddmu

      • eżaminaturi esterni u fornituri tas-servizz jekk hemm nuqqas ta' persunal kompetenti fuq il-post tax-xogħol

    • il-persuni jistgħu juru l-kompetenza tagħhom billi juru li għandhom il-kapaċitajiet segwenti:

      • fehim ta' l-approċċ ġenerali għall-evalwazzjoni tar-riskju

      • il-kapaċità li japplikaw dan il-fehim għall-post tax-xogħol

      • il-kapaċità li jidentifikaw sitwazzjonijiet fejn huma ma jkunux kapaċi jevalwaw sewwa r-riskju mingħajr għajnuna, u jkunu kapaċi jagħtu parir għall-bżonn ta' aktar assistenza

  • konsultazzjoni mar-rappreżentanti tal-ħaddiema fuq arranġamenti għall-ħatra ta' dawk li se jagħmlu l-evalwazzjonijiet

  • l-għoti ta' informazzjoni, taħriġ, riżorsi u appoġġ meħtieġa lill-eżaminaturi li jkunu l-impjegati ta' min iħaddem stess

  • assigurazzjoni għal koordinazzjoni xierqa bejn l-eżaminaturi (fejn rilevanti)

  • involviment tal-maniġment u titħeġġeġ il-parteċipazzjoni tal-forza tax-xogħol

  • determinazzjoni ta' l-arranġamenti li jridu jsiru għar-reviżjoni u r-reviżjoni ta' l-evalwazzjoni tar-riskju

  • assigurazzjoni li l-miżuri preventivi u protettivi jikkunsidraw ir-riżultati ta' l-evalwazzjoni

  • assigurazzjoni li l-evalwazzjoni tar-riskju hija dokumentata

  • monitoraġġ tal-miżuri prottettivi u preventivi sabiex jiġi assigurat li tinżamm l-effikaċja

  • il-ħaddiema u/jew ir-rappreżentanti rispettivi tagħhom jiġu infurmati bir-riżultati ta' l-evalwazzjoni u bil-miżuri introdotti (ir-reġistri jkunu disponibbli għalihom).

Parir għal kull min iwettaq l-evalwazzjoni tar-riskju

Persuni li jwettqu l-evalwazzjonijiet tar-riskji fuq ix-xogħol għandhom ikollhom għarfien ta' u/jew informazzjoni dwar:

  • il-perikli u r-riskji li huma magħrufa li jeżistu, u l-mod ta' kif dawn jitfaċċaw

  • il-materjali, l-apparat u t-teknoloġija użata fuq ix-xogħol

  • il-proċeduri ta' xogħol u l-organizzazzjoni u l-interazzjoni ta' ħaddiema mal-materjali użati

  • it-tip, il-possibilità, l-frekwenza, u d-dewmien ta' l-espożizzjoni għall-perikli. F'ċerti każijiet, dan jista' jfisser l-applikazzjoni ta' tekniki ta' kejl moderni u validi.

  • ir-relazzjoni bejn l-espożizzjoni għal periklu u l-effett tiegħu

  • l-istandards legali u r-rekwiżiti rilevanti għar-riskji preżenti fuq il-post tax-xogħol

  • x'inhu meqjus bħala prattika tajba f'oqsma fejn m'hemm l-ebda standards legali speċifiċi.

Dawk li jħaddmu għandhom jassiguraw li kull min qed jagħmel l-evalwazzjoni tar-riskju, sew jekk impjegat jew konsulent estern, ikellem lill-impjegati, jew lil nies oħra bħall-kuntratturi li realment jagħmlu x-xogħol.

Fejn ikun hemm impjegati ta' nies differenti jaħdmu fl-istess post tax-xogħol, l-eżaminaturi jista' jkun li jkollhom bżonn jagħmlu skambju ta' informazzjoni dwar ir-riskji u l-miżuri ta' saħħa u sigurtà imħaddma sabiex jindirizzaw dawk ir-riskji. Hija r-responsabbiltà ta' min iħaddem biex jirranġa l-iffaċilitar ta' dan.