You are here
shutterstock_103662077.jpg

X’inhi OiRA?

L-OiRa – evalwazzjoni tar-Riskju Interattiva Online – hija pjattaforma tal-web li tagħti lok għall-ħolqien ta’ għodod tal-evalwazzjoni tar-riskju settorjali fi kwalunkwe lingwa b’mod faċli u standardizzat.

Din tiġi żviluppata u tinżamm mill-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol (EU-OSHA) u hija bbażata fuq l-istrument ta’ evalwazzjoni tar-riskju Olandiż RI&E.

Għaliex ġie żviluppat il-proġett OiRA?

evalwazzjoni tar-riskju xierqa hija ċ-ċavetta għal postijiet tax-xogħol li jġibu 'l quddiem is-saħħa. Madankollu, it-twettiq ta’ evalwazzjonijiet tar-riskju jista’ jkun pjuttost ta’ sfida, b’mod partikolari għal intrapriżi mikro u żgħar (MSEs), li jista’ ma jkollhomx biżżejjed riżorsi jew għarfien dwar is-sigurtà u s-saħħa fuq il-post tax-xogħol (OHS) biex jagħmlu dan b’mod effettiv.

L-OiRA għandha l-għan li tegħleb dan. Din hija l-ewwel inizjattiva fil-livell tal-UE biex tinkoraġġixxi lill-MSEs Ewropej biex jivvalutaw ir-riskji tagħhom (prinċipalment permezz tal-Istati Membri u s-sħab soċjali — organizzazzjonijiet tal-impjegaturi u tal-impjegati— fil-livell tal-UE u f'dak tal-Istati Membri).

X’inhuma l-objettivi tal-OiRA?

  • Fil-livell Ewropew:

    • biex iżżid in-numru tal-MSEs fl-Ewropa li jivvalutaw u li jiġġestixxu r-riskji tagħhom fuq il-post tax-xogħol

    • biex tikkontribwixxi (permezz ta’ evalwazzjoni tar-riskju xierqa) għal tnaqqis fin-numru ta’ aċċidenti u ta’ mard fuq il-post tax-xogħol u għal titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol

    • biex tgħin lill-intrapriżi (permezz ta’ evalwazzjoni tar-riskju xierqa) isiru aktar kompetittivi (billi jnaqqsu l-ispejjeż li jirriżultaw minn aċċidenti u minn mard fuq il-post tax-xogħol, inaqqsu r-rati ta’ liv minħabba mard, eċċ.).

  • Fil-livell nazzjonali u dak settorjali:

    • biex tpoġġi l-għodod prattiċi tal-OiRA għad-dispożizzjoni ta’ organizzazzjonijiet mikro u żgħar permezz tas-siti web tagħhom u biex tippromwovi l-użu tagħhom

    • biex tikkontribwixxi għall-objettivi nazzjonali biex jitnaqqas il-mard u jitnaqqsu l-aċċidenti fuq il-post tax-xogħol billi tpoġġi l-għodod tal-OiRA għad-dispożizzjoni tal-intrapriżi.

  • Fil-livell ta’ kumpanija:

    • biex tiżgura s-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema (dmir ġenerali tal-impjegaturi u tal-intrapriżi) billi tħeġġeġ l-użu tal-għodod tal-OiRA fil-livell ta’ kumpanija u f'dak ta’ fabbrika, u b’hekk, iddaħħal fis-seħħ proċess ta’ evalwazzjoni tar-riskju sod

    • biex tiċċara l-proċess ta’ evalwazzjoni tar-riskju

    • biex ittejjeb il-kundizzjonijiet tax-xogħol billi tippromwovi l-użu tal-għodda għall-evalwazzjoni tar-riskji fuq il-post tax-xogħol, u b’hekk, ittejjeb il-prestazzjoni tal-kumpanija.

Kif taħdem l-OiRA?

L-OiRA hija pjattaforma online li tikkonsisti mill-ġeneratur tal-għodod tal-OiRA (fejn l-iżviluppaturi jistgħu joħolqu għodod settorjali) u mill-għodod settorjali tal-OiRA, li huma aċċessibbli permezz ta’ sit web interattiv.

Il-ġeneratur tal-għodod tal-OiRA jiġi pprovdut mingħajr ħlas lis-sħab soċjali settorjali fil-livelli tal-UE u fil-livelli nazzjonali, u lill-awtoritajiet tal-UE u dawk nazzjonali.

Is-sħab soċjali settorjali fil-livell tal-UE jew fil-livell nazzjonali u l-awtoritajiet tal-UE u dawk nazzjonali (l-iżviluppaturi tal-għodod) jistgħu jużaw il-ġeneratur tal-għodod tal-OiRA biex joħolqu għodod ta’ evalwazzjoni tar-riskju għal setturi differenti, pereżempju is-settur tax-xagħar. Dawn l-għodod — għodod settorjali tal-OiRA — imbagħad isiru disponibbli għall-MSEs biex jużawhom fit-twettiq ta’ evalwazzjonijiet tar-riskju.