Skop ta' l-evalwazzjoni tar-riskju

L-impjegaturi f’kull post tax-xogħol għandhom dmir ġenerali li jiżguraw is-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema f’kull aspett relatat max-xogħol tagħhom. L-iskop tat-twettiq ta’ valutazzjoni tar-riskju huwa li l-impjegatur ikun jista’ jieħu l-miżuri meħtieġa biex jipproteġi lill-ħaddiema.

Dawn il-miżuri jinkludu:

  • eliminazzjoni u prevenzjoni tar-riskji okkupazzjonali.

  • il-provvista ta' informazzjoni lill-ħaddiema;

  • il-provvista ta' taħriġ lill-ħaddiema;

  • il-provvista ta' mezzi lill-organizzazzjoni sabiex timplimenta l-miżuri neċessarji.

Filwaqt li l-iskop ta' l-evalwazzjoni tar-riskji jinkludi l-prevenzjoni ta' riskji marbuta max-xogħol, u dan għandu dejjem ikun l-iskop, fil-prattika, dan mhux dejjem ikun jista' jinkiseb. Fejn l-eliminazzjoni tar-riskji ma tkunx possibbli, r-riskji għandhom jitnaqqsu u jiġi kkontrollat ir-riskju residwu. Fi stadju aktar tard, bħala parti mill-programm ta' reviżjoni, dan ir-riskju residwu jerġa' jiġi evalwat u l-possibilità ta' l-eliminazzjoni tar-riskju, forsi fid-dawl ta' għarfien ġdid, terġa' tiġi kkunsidrata.

Il-valutazzjoni tar-riskju għandha tkun strutturata u applikata biex tgħin lill-impjegaturi biex:

  • wara li jikkunsidraw ir-rekwiżiti leġislattivi, jidentifikaw il-perikli li jinħolqu fuq il-post tax-xogħol u jevalwaw ir-riskji assoċjati ma' dawn il-perikli, jiddeterminaw x'miżuri għandhom jieħdu sabiex jipproteġu s-saħħa u s-sigurtà ta' l-impjegati tagħhom u ħaddiema oħrajn;

  • jiġu evalwati r-riskji sabiex issir l-aħjar għażla infurmata f’dak li jirrigwarda t-tagħmir tax-xogħol, is-sustanzi kimiċi jew il-preparazzjonijiet użati, is-sistemazzjoni tal-post tax-xogħol, u l-organizzazzjoni tax-xogħol;

  • jikkontrollaw jekk il-miżuri fil-post humiex adegwati;

  • jipprijoritizzaw l-azzjoni jekk jinstab li hemm bżonn ta' miżuri oħra bħala riżultat ta' l-evalwazzjoni;

  • juru lilhom infushom, lill-awtoritajiet kompetenti, lill-ħaddiema u r-rappreżentanti tagħhom li ġew ikkunsidrati l-fatturi kollha marbuta max-xogħol, u li sar ġudizzju validu minn nies esperti dwar ir-riskji u l-miżuri neċessarji biex jiġu mħarsa s-saħħa u s-sigurtà;

  • jassiguraw li l-miżuri preventivi u l-metodi ta' xogħol u produzzjoni, li huma meqjusa neċessarji u implimentati wara evalwazzjoni tar-riskju, jipprovdu titjib fil-livell ta' protezzjoni tal-ħaddiem.