Evalwazzjoni tar-Riskju

Il-valutazzjoni tar-riskju hija l-pedament tal-approċċ Ewropew lejn il-prevenzjoni tal-aċċidenti u l-mard okkupazzjonali.

Hemm raġunijiet tajbin għal dan. Jekk il-proċess tal-valutazzjoni tar-riskju – il-bidu tal-approċċ tal-ġestjoni tas-saħħa u s-sigurtà – ma jsirx kif suppost jew assolutament ma jsirx, il-miżuri preventivi xierqa x’aktarx ma jiġux identifikati jew stabbiliti.

Kull sena, miljuni ta' persuni fl-UE iweġġgħu fuq ix-xogħol, jew iġarrbu ħsara serja għal saħħithom fuq il-post tax-xogħol. Huwa għalhekk li l-valutazzjoni tar-riskju hija daqshekk importanti, hija l-element ewlieni għal postijiet tax-xogħol li jġibu ’l quddiem is-saħħa. L-evalwazzjoni tar-riskju hija proċess dinamiku li jippermetti lill-intrapriżi u l-organizzazzjonijiet biex iħaddmu politika proattiva ta' kif jiġu trattati r-riskji fuq il-post tax-xogħol.

Għal dawn ir-raġunijiet, huwa importanti li t-tipi u d-daqsijiet kollha tal-intrapriżi jwettqu valutazzjonijiet regolari. Evalwazzjoni tar-riskju kif suppost, fost l-oħrajn tinkludi, assigurazzjoni li r-riskji rilevanti kollha jiġu kkunsidrati (mhux dawk immedjati jew ovvji biss), il-kontroll tal-effiċjenza tal-miżuri ta' sigurtà adottati, id-dokumentazzjoni tar-riżultati tal-evalwazzjoni u reviżjoni regolari tal-evalwazzjoni sabiex tinżamm aġġornata regolarment.

L-aktar leġiżlazzjoni Ewropea importanti rilevanti għall-evalwazzjoni tar-riskju hija d- Direttiva Qafas 89/391. Din id-Direttiva ġiet trasposta fil-leġiżlazzjoni nazzjonali u bħala tali, l-istabbilimenti fl-Istati Membri kollha huma obbligati jwettqu valutazzjoni tar-riskju għas-sigurtà u s-saħħa. Madankollu, l-Istati Membri għandhom id-dritt li jintroduċu dispożizzjonijiet aktar stretti biex jipproteġu lill-ħaddiema tagħhom (għalhekk għandek tiċċekkja liema leġiżlazzjoni speċifika relatata mal-valutazzjoni tar-riskju tgħodd f’pajjiżek). Fl-għodod tal-OiRA nazzjonali, is-sħab tagħna diġà ħadu kont tal-leġiżlazzjoni nazzjonali valida.

Definizzjonijiet

Perikli

Periklu jista' jkun kwalunkwe ħaġa - kemm materjal tax-xogħol, apparat, metodi jew prattiċi ta' xogħol - li għandha l-potenzjal li tikkawża ħsara.

Riskji

Riskju huwa l-possibilità, kbira jew żgħira, li xi ħadd jista' jsofri ħsara minn xi periklu.

Evalwazzjoni tar-Riskju

L-Evalwazzjoni tar-riskju hija proċess li jivvaluta r-riskji għas-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema minn perikli fuq il-post tax-xogħol. Hija eżaminazzjoni sistematika tal-aspetti kollha tax-xogħol li tikkunsidra:

  • x'jista' jikkawża korriment jew ħsara

  • jekk il-perikli jistgħux jiġu eliminati u, jekk le,

  • x'miżuri preventivi jew protettivi hemm jew għandhom jitħaddmu sabiex jikkontrollaw ir-riskji.